Il-Ġimgħa, 30 ta’ Jannar 2009

- Batteriji użati


Kylie Brincat u Andrè Tanti (mill-1 sena) qalulna hekk:

"Aħna nġibu l-batteriji biex ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Inġibuhom l-iskola u narmuhom ġol-bin apposta għall-batteriji. Fil-bin kien hemm ħafna batteriji."



Il-batteriji ma narmuhomx ma' skart ieħor għax dawn jistgħu jagħmlu ħsara kbira kif qalulna Kylie u Andrè. Dawn il-batteriji jinġabru mill-Wasteserv u huma jżommuhom f'post apposta fejn ma jkunux jistgħu jagħmlu ħsara.

Biex innaqqsu ftit mill-iskart tal-batteriji nistgħu nużaw batteriji li jerġgħu jiċċarġjaw ħalli nużawhom ħafna drabi.

Ngħidu prosit lil Kylie u lil Andrè u lil dawk it-tfal kollha li ġieli ġabu xi batteriji!!!


Il-Ħamis, 29 ta’ Jannar 2009

- Iżjed Inizjattivi


Nicole Felice u Aidan Vella, żewġt itfal tat-tielet sena, għamlu żewġ charts id-dar. Wara li fil-klassi kienu tkellmu dwar dawn is-suġġetti, marru d-dar u mingħajr ma qalilhom ħadd qagħdu jfittxu ftit informazzjoni biex jagħmlu dawn iċ-charts. Nicole għamlitha fuq is-siġar u Aidan fuq ir-riċiklaġġ. Prosit tassew!


It-Tlieta, 27 ta’ Jannar 2009

- Il-Frott


Fil-klassi tagħna (tat-3 sena) għamilna ġurnata tal-frott. Ħafna tfal ġabu l-frott imbagħad qsamnieh bejnietna u għamilna fruit salad. Wara ktibna 5 sentenzi fuq il-frott.


Il-frott huwa importanti li nikluh għax fih is-sustanzi
L-aħjar li tiekol 5 frottiet kuljum.
Ċertu frott irid jinħasel minħabba l-bexx.
Hawn ċertu frott li nsibuh fis-sajf.
L-iżjed frott favorit tiegħi huwa d-dulliegħ u l-bettieħ.
Nicole Briffa


Il-frott huwa sustanzjuż għaliex fih il-vitamini.
Suppost nieklu l-frott kuljum.
Il-frott huwa tajjeb għal saħħitna.
Il-frott li jogħġobni huwa l-frawli, ħawħ, banana u tuffieħ.
Il-frott irridu niħduh ħalli ma nimirdux.
Michael Farrugia

It-Tnejn, 19 ta’ Jannar 2009

- L-Istorja tad-Dudu


Hawn taħt hawn storja qasira li kiteb Liam Farrugia (fit-2 sena) dwar ix-xagħat jew kif nafuh iżjed bl-Ingliż il-caterpillar.
Importanti li meta naraw xi xagħat ma noqtluhx għax dan isir farfett u jekk noqtluhom ma jkollniex iżjed friefet sbieħ itiru fuq il-fjuri!

L-għalliema qratilna storja fuq dudu.
Id-dudu kellu ħafna ġuħ.
L-istorja kienet sabiħa.
Wara l-istorja għamilna dudu.
Id-dudu għamilnieh bil-kartonċin tal-pakketti taċ-ċereali.
Id-dudu għamilnieh ħdejn it-tieqa.
Id-dudu kien sabiħ.
Id-dudu pinġejnieh aħdar.
Meta jikber id-dudu jsir farfett.

Ittajpjata minn:
Liam Farrugia u Desireè Polidano



Il-Ħadd, 11 ta’ Jannar 2009

- Siġra tal-Milied minn affarijiet riċiklati.

Proġett kbir li għamilna dan il-Milied kienet Is-Siġra tal-Milied magħmula kollha kemm hi minn affarijiet użati. Ħafna tfal minn klassijiet differenti ħadu sehem f'dan il-proġett billi ġabu l-materjali li użajna. Ħafna tfal ġew waqt il-ħin tal-brejk biex jgħinu ħalli din is-siġra titlesta.


Is-siġra saret minn ħafna fliexken tal-plastik li ġabu t-tfal. Kienu ħafna dawk it-tfal li ġabu l-fliexen.

Biex waħħalna kollox m'użajna xejn ħlief glue gun.




Bħala qasrija użajna barmil miksi b’foam irqiq li jippakkjaw l-affarijiet fih biex ma jinkisrux meta nixtru xi ħaġa. Dan żejjinnieh b’ħafna karti kkuluriti minn magazins.



L-anġlu sabiħ ta’ fuq is-siġra sar minn flixkun tal-plastik miksi bil-boroż użati. Il-ġwienaħ mill-istess materjal li ksejna l-barmil bih u għar-raġġiera użajna l-burdura ta’ kontenitur tal-fojl. Biex joqgħod sew fuq is-siġra l-anġlu twaħħal ma’ CD ħażina.
Fl-aħħar żbajna l-qiegħ ta’ kull flixkun biex jiġu qishom bozoz.


Fl-aħħar is-siġra kienet lesta biex inpoġġuha fejn il-bieb tal-iskola biex ikun jista' jammiraha kulħadd!!

Il-Ġimgħa, 9 ta’ Jannar 2009

- EkoMilied

Dan il-Milied, il-Kumitat EkoSkola qabel li kulħadd ser joqgħod attent għall-affarijiet li jintużaw f'dan iż-żmien biex, kemm jista' jkun, nagħżlu affarijiet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Għamilna enfasi wkoll fuq l-użu mill-ġdid ta' affarijiet użati. Hawn taħt ser taraw ftit eżempji tax-xogħol li għamilna.

Dekorazzjonijiet

Dawn huma xi dekorazzjonijiet li saru. It-tfal użaw il-kartun tal-pakketti użati taċ-ċereali. Biex il-figuri jkunu jistgħu jżommu dritti użaw rollijiet tat-toilet paper.






Anġli tal-Milied.
Biex saru dawn l-anġli sbieħ intuża l-kartun tal-pakketti taċ-ċereali wkoll.






Kartolini
Xi tfal tal-klassi tat-tieni sena għamlu kartolini tal-Milied sbieħ ħafna. Biex għamlu l-kartolini użaw karti li minn wara kienu diġà użati. Dawn il-kartolini bagħtuhom lil tifel li huwa marid. Dan it-tifel joqgħod il-Polonja.






Iżjed Kartolini....
It-tfal tal-klassijiet tal-Kinder użaw kartolini tal-Milied antiki biex għamlu dekorazzjonijiet jew kartolini oħra sbieħ ħafna.




Iżjed Affarijiet ....

Collage mir-wrapping paper użati.


Stilla tal-Milied bil-fojl użat.




Katini tal-Karti
It-tfal tal-kindergarten għamlu katini bil-karti użati biex iżejnu bihom. Dawn il-karti żebgħuhom, qasqsuhom imbagħad waħħluhom flimkien biex jagħmlu katina twila.














Inizjattivi

Xi tfal ħadu l-inizjattiva u d-dar għamlu xi dekorazzjonijiet tal-Milied minn affarijiet użati. Dawn huma xi wħud.

James għamel qanpiena tal-Milied. Din il-qanpiena sabiħa għamilha b’tazza tal-yoghurt u biex għamel il-manku uża karta ħażina. Wara li waħħal kollox flimkien kesa kollox b’karta kkulurita tal-Milied użata. Matthew għamel dawn il-qniepen żgħar għal mas-siġra tal-Milied. Dawn għamilhom mill-għotjien tal-yoghurt. Prosit lil dawk kollha li ġabu xi affarijiet li għamlu d-dar!!