L-Erbgħa, 25 ta’ Marzu 2009

Inżel xita inżel


Xi tfal tal-ewwel sena ta' Mrs. Grech ġiethom l-idea li jiġbru l-ilma tax-xita fil-fliexken biex ikunu jistgħu jużawh għat-tisqija tal-pjanti fil-klassi. Din idea vera tajba għax aħna fl-iskola tagħna m'għandniex fejn niġbru l-ilma tax-xita. Li jkollna xi ġiebja jew bir hija x-xewqa tal-kumitat Ekoskola imma minħabba li dawn jiswew ħafna flus u mhux ser isiru malajr, għalissa ninqdew bil-fliexken.

It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2009

L-Insetti u l-Ambjent

It-tfal tat-tieni klassi ta' Ms. Galea għamlu ħafna affarijiet sbieħ fuq l-insetti. Hemm ħafna nsetti li jagħmlu l-ġid.
Il-farfett u n-naħla jduru fuq il-fjuri u jdakkruhom allura jkollna iżjed fjuri differenti, sbieħ u jfuħu.
In-naħla ddakkar ukoll is-siġar tal-frott u b'hekk ikollna ħafna frott tajjeb x'nieklu.
Il-brimba taqbad insetti oħrajn fosthom dawk li jdejquna bħad-dubbien u n-nemus.


Kien hemm tfal bħal Jodie Grixti, Jean Claude Sacco u Milena Bianco li tant interessaw ruħhom li d-dar għamlu xi chart jew fittxew xi informazzjoni u għamlu ktejjeb żgħir.

Fost l-affarijiet interessanti li saru kien hemm kanzunetti dwar l-insetti li t-tfal qed ikantaw dwarhom f'dawn ir-ritratti.

Viva l-insetti!!!

Ikel għall-annimali



Fl-iskola tagħna ġbarna ħafna ikel għall-annimali. Dawn l-annimali żżommhom waħda mara li għandha dar kbira hawnhekk, f'Birżebbuġa. Din il-mara ġieli ġiet l-iskola tkellimna dwar l-annimali. F'din id-dar għandha iżjed minn 80 kelb u qattus.



Dawn il-klieb u qtates iridu jieklu kuljum allura jkun hemm bżonn ħafna ikel. Ħafna tfal ġabu xi affarijiet u bihom imlejna iżjed minn 3 kaxxi kbar. Fir-ritratt ta' fuq qed naraw lit-tfal jimlew il-kaxxi, lill-mara li tieħu ħsieb id-dar u lill-kap tal-iskola, Ms. Spiteri.

F'dan ir-ritratt qed naraw lill-iżjed klassi li ġabru ikel (ta' Ms. Sciberras) flimkien ma' din il-mara li tieħu ħsieb dawn il-klieb. Prosit tassew tfal!!




Il-Ħamis, 19 ta’ Marzu 2009

Iż-Żwiemel tal-Baħar

Waħda mil-lezzjonijiet li għamlu Omar u Jacob lit-tfal tal-klassi tagħhom kienet dwar iż-Żwiemel tal-Baħar. Jekk ma tantx tafu dwarhom araw din il-photostory li ppreparawlna huma!

Prosit Omar u Jacob!!

It-Tnejn, 9 ta’ Marzu 2009

Karozzi u vannijiet







Xi tfal mill-klassi tal-ewwel sena ta’ Mrs. Fenech għamlu karozzi vera sbieħ!
Dawn il-karozzi jew vannijiet għamluhom bil-kartun tal-ħalib u kaxxi oħra użati. Wara ksewhom bil-karti użati u kien hemm min anke waħħal xi roti. Dawn saru mit-tfal wara li fil-klassi kienu tkellmu fuq il-gugarelli.

Bravi tfal!

Mit-Tfal għat-Tfal



Jacob u Omar Elaida mill-klassi tat-tielet sena ta’ spiss qed jippreparaw lezzjonijiet interessanti ħafna għat-tfal tal-klassi tagħhom.

Jagħmlu wkoll xi logħob jew mistoqsijiet li għandhom x’jaqsmu, bil-għajnuna ta' sħabhom.

Dawn it-tfal qed jagħmlu dan biex il-ħbieb tal-klassi tagħhom jitgħallmu ħafna dwar l-ambjent ukoll.

Is-suġġett ta’ din il-ġimgħa kien: It-tniġġis tal-baħar.

Isimgħuhom jispjegaw x'jagħmlu.


Il-Ħamis, 5 ta’ Marzu 2009

Nisseparaw l-Iskart fil-Klassi

Fil-Klassijiet kollha tal-iskola tagħna t-tfal u l-għalliema ħadu ħsieb li jkun hemm postijiet fejn l-iskart tal-klassi jkun mormi bis-sens. Bradley Aquilina u Katrina Cassar (tal-1 sena) ħadu ħsieb li fil-klassi tagħhom ikun hemm kaxxi li fihom jistgħu jarmu l-iskart u jisseparawh fl-istess ħin. Huma ħadu gost jagħmlu dawn il-kaxxi sbieħ ukoll.



Salvatore ġietu l-idea li jagħmel kaxxa biex fiha jinġabru xi ġugarelli jew affarijiet oħra mkissrin ukoll.



Isimgħu lil Katrina u lil Bradley jgħidulna kif u għaliex għamlu l-kaxxi!