L-Erbgħa, 27 ta’ Mejju 2009

Il-vidjo qasir

Din is-sena l-iskola tagħna ntgħażlet biex tieħu sehem fl-EkoParlament. It-tema tagħna kienet il-BIJODIVERSITÀ - din il-kelma twila u tqila tfisser, il-ħlejjaq u pjanti differenti kollha li hawn madwarna.

Wara li ddiskutejna flimkien wieħed mill-affarijiet li għamilna kien dan il-filmat qasir. Xi tfal tal-Yr 3 ħadu ħsieb ix-xenarju oħrajn ħadu ħsieb jagħmlu l-figuri bil-plasticine imbagħad bil-għajnuna ta' xi tfal tal-Yr 2 mexxejna dawn il-figuri tal-plasticine biex għamilna l-vidjo.

Arawh u għidulna x'taħsbu!!

It-Tnejn, 18 ta’ Mejju 2009

Nitgħallmu dwar l-enerġija!

Omar u Jacob reġgħu għamlu lezzjoni verament interessanti.  Din id-darba s-suġġett huwa l-enerġija.  Ejja narawha flimkien ħalli nitgħallmu dwar l-enerġija!

It-Tnejn, 20 ta’ April 2009

Fniek tal-Għid!


Fi żmien l-Għid it-tfal tal-klassi ta' Ms. Herbert għamlu dawn il-fniek ħelwin. Dawn saru minn affarijiet kollha użati. It-tpinġija tal-fenek saret fuq karti li minn naħa kienu użati li mbagħad waħħlu fuq kartonċin tal-kaxxi taċ-ċereali. Biex il-fenek ikun jista' jżomm fuq saqajh minn wara waħħlu roll tat-toilet paper u min jaf, forsi għax ħadu ħsieb l-ambjent il-fenek ħbielhom xi sopriża!

L-Erbgħa, 1 ta’ April 2009

Il-Pingwini

L-aħħar lezzjoni li għamlu Jacob u Omar kienet dwar il-Pingwini. Anke jekk Malta m'għandiex Pingwini xorta waħda tajjeb li nitgħallmu dwarhom għax jekk inniġġsu l-baħar inkunu mhux biss qed nagħmlu ħsara lill-baħar ta' madwarna imma wkoll lill-baħar li qiegħed 'il bogħod.

Mhux it-tniġġis tal-baħar biss li qed jagħmel ħsara lill-pingwini imma anke it-tibdil tal-klima. Minħabba ħafna sħana s-silġ idub u jista' jasal żmien meta l-pingwini ma jkollhomx iżjed fejn joqogħdu. Mela rridu nieħdu ħsieb ta' kollox anke jekk b'affarijiet żgħar għax l-effett jista' jkun wieħed kbir.
Isimgħu lil Omar u Jacob jgħallmuna dwar il-Pingwini.

L-Erbgħa, 25 ta’ Marzu 2009

Inżel xita inżel


Xi tfal tal-ewwel sena ta' Mrs. Grech ġiethom l-idea li jiġbru l-ilma tax-xita fil-fliexken biex ikunu jistgħu jużawh għat-tisqija tal-pjanti fil-klassi. Din idea vera tajba għax aħna fl-iskola tagħna m'għandniex fejn niġbru l-ilma tax-xita. Li jkollna xi ġiebja jew bir hija x-xewqa tal-kumitat Ekoskola imma minħabba li dawn jiswew ħafna flus u mhux ser isiru malajr, għalissa ninqdew bil-fliexken.

It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2009

L-Insetti u l-Ambjent

It-tfal tat-tieni klassi ta' Ms. Galea għamlu ħafna affarijiet sbieħ fuq l-insetti. Hemm ħafna nsetti li jagħmlu l-ġid.
Il-farfett u n-naħla jduru fuq il-fjuri u jdakkruhom allura jkollna iżjed fjuri differenti, sbieħ u jfuħu.
In-naħla ddakkar ukoll is-siġar tal-frott u b'hekk ikollna ħafna frott tajjeb x'nieklu.
Il-brimba taqbad insetti oħrajn fosthom dawk li jdejquna bħad-dubbien u n-nemus.


Kien hemm tfal bħal Jodie Grixti, Jean Claude Sacco u Milena Bianco li tant interessaw ruħhom li d-dar għamlu xi chart jew fittxew xi informazzjoni u għamlu ktejjeb żgħir.

Fost l-affarijiet interessanti li saru kien hemm kanzunetti dwar l-insetti li t-tfal qed ikantaw dwarhom f'dawn ir-ritratti.

Viva l-insetti!!!

Ikel għall-annimali



Fl-iskola tagħna ġbarna ħafna ikel għall-annimali. Dawn l-annimali żżommhom waħda mara li għandha dar kbira hawnhekk, f'Birżebbuġa. Din il-mara ġieli ġiet l-iskola tkellimna dwar l-annimali. F'din id-dar għandha iżjed minn 80 kelb u qattus.



Dawn il-klieb u qtates iridu jieklu kuljum allura jkun hemm bżonn ħafna ikel. Ħafna tfal ġabu xi affarijiet u bihom imlejna iżjed minn 3 kaxxi kbar. Fir-ritratt ta' fuq qed naraw lit-tfal jimlew il-kaxxi, lill-mara li tieħu ħsieb id-dar u lill-kap tal-iskola, Ms. Spiteri.

F'dan ir-ritratt qed naraw lill-iżjed klassi li ġabru ikel (ta' Ms. Sciberras) flimkien ma' din il-mara li tieħu ħsieb dawn il-klieb. Prosit tassew tfal!!